פייר י. מיילאק

Fil-bar ta' Livia

פייר י. מיילאק

Fil-bar ta' Livia

Add to my favorites Remove from my favorites

Issa qed tibni belt. L-ewwel belt wara ħdax-il gżira in fila, li kollha nġabru fis-soft file l-aħmar li hekk kif joħroġ missierha biex imur jieħu l-kafè ta’ filgħaxija u ssib ruħha weħidha, toħroġ mill-kexxun ta’ ħdejn is-sodda, tislet mappa minnu u tinżel x’imkien fiha. Daqqa tiġi f’ħanut taċ-ċikkulata, kollu riħa tfuħ u trab tal-kokkodina. Daqqa f’salott b’televixin daqs dinja u jkollha bilġri tmur tfittex il-bieb ta’ barra qabel jaqbduha u jaħsbuha xi ħalliel. U ġieli spiċċat f’nofs ta’ triq, qalb il-karozzi u l-muturi.

U fuq il-mappa kont issib kollox. Għat-tfal kien hemm skola mdawra bi ġnien kollu siġar tat-tuffieħ. Għaż-żgħażagħ università żgħira biex minn hemm joħorġu għalliema, tobba, inġiniera u periti. Għall-morda sptar. Għal min irid jaħdem fabbriki mdawrin bl-għelieqi biex ikollhom wisa’ fejn jikbru iżjed ma jidħlilhom xogħol. Għall-isportivi ground tal-futbol u oħrajn żgħar tal-volleyball, basketball u tennis madwaru. Imbagħad knisja u ħwienet. Furnar. Mastrudaxxa. Ħwienet tal-ikel. Toroq u pontijiet. Portijiet fejn isorġu l-vapuri. Uffiċċji tad-dwana u tal-posta. Għassa tal-pulizija. Irziezet tal-annimali. Ajruport u venda tal-karozzi tal-linja. U fuq kollox ħafna djar. Uħud żgħar għal dawk li jgħixu weħidhom. Appartamenti għal dawk li jonfqu ħafna ma jridux jew minn fejn jonfqu m’għandhomx. U djar kbar għal dawk sinjuri b'familja kbira fejn l-omm u l-missier ikun kważi ġihom kollox tajjeb.

U meta tlesti belt jew gżira tgħolliha ’l fuq u iżjed mal-folja tkun tqalet bil-linka l-blu tal-feltpen iżjed tħoss li għandha struttura soda. U ġieli, meta l-kobor tal-belt hekk ikun jitlob, iddawwar il-karta bil-kontra u eżatt taħt il-belt tibni belt oħra. Belt sotterranja mimlija kanali ta’ drenaġġ, pajpijiet tal-ilma, cables tad-dawl u tat-telefon u linja jew tnejn għall-metro. U meta mbagħad tpoġġi l-folja quddiem il-bozza tal-lampshade r-roża, id-dawl qawwi jikxef ukoll il-belt tal-qiegħ. Sal-ġrieden jiġru bil-ħarba fil-mini ta’ taħt l-art tkun tista’ tilmaħ. Sal-karozzi għaddejjin minn toroq mimlija nies u djar bi ċmieni jdaħħnu duħħan griż. Imbagħad tagħti isem lill-belt, iddaħħalha fis-soft file l-aħmar u tibda taħseb f'oħra. U mappa wara l-oħra kienet qed torqom dejjem iżjed il-bliet u l-gżejjer tagħha u ssebbaħ il-ħajja għan-nies tal-post. Għax jekk qabel, ngħidu aħna, ġieli kienet tpoġġi diskoteka quddiem knisja (għax hemm biss kien ikun fadlilha wisa'), issa bdiet tgħaqqad id-diskoteka mal-ground tal-football u tagħmel dik ir-rokna ċentru ta' rikreazzjoni maqtugħ mid-djar. Biex jekk iwaddbu l-ballun tal-futbol barra mill-ground ma jkissrux it-tieqa tal-ġirien imma jolqtu biss il-ħajt tad-diskoteka, li ħafna twieqi ma jkollhiex. Jew fejn qabel ġieli poġġiet ċimiterju ħdejn id-djar, issa bdiet tieħu ċ-ċimiterji fejn ma jidhrux. Biex jekk tifla żgħira li tilfet lil ommha jfettlilha tħares mit-tieqa ’l barra f’nofs ta’ lejl bla rqad, ma tarax isem ommha mnaqqax fuq il-kapitelli.

Il-ħolqien ta’ belt jew gżira s-soltu kien dejjem jibda biċ-ċirku ta’ barra. Bil-periferija, ġeneralment ittondjata, li mbagħad riedet timliha. Imma llejla qed tibda b'ħanut ċkejken, li fih kull filgħaxija jinġabru ħafna nies, li bin-nifsijiet tagħhom malajr itappnu t-twieqi ta’ barra. Ħafna nies, l-iżjed studenti, li kull filgħaxija jordnawlek xarbiet speċjali li tippreparahom Livia, tfajla samranija minn Pôrto Alegre, li b'xi mod, mill-Brażil spiċċat hemm. U x-xarbiet huma speċjali għax huma spontanji daqs il-qtugħ ta’ bozza f’nofs ta’ lejl. Dak li jkun jordna biss in-numru ta’ xarbiet li jkun irid. Xarba waħda, per eżempju, jekk it-tali jkun waħdu. Jew erbgħa, jekk ikun ma’ tlieta oħra. Imma x’hemm fix-xarba jibqa’ sa l-aħħar f’idejn Livia. Dak il-gost. It-taħlita tippreparaha hi. Kif jgħidilha moħħha dak il-ħin. Li tista' tippreċiża hu biss jekk tridx li tqabbadhielek jew le. Jekk tibża’ minn nar, allura, tgħidilha ma tqabbadlek xejn. Imma jekk le, tista’ tispiċċa b'tazza ċkejkna qisha ras appostlu nhar il-Pentekoste u jkollok tistenna l-fjamma tnin u tmut qabel tixrob kollox. Sakemm ma tkunx it-tip avventuruż u tixrob kollox waqt li jkun qed jaqbad jew saħansitra tgħid lil Livia tqabbadlek it-taħlita meta tkun għadira f'ħalqek. Imma jekk tkun daqshekk qalbieni u tbaxxi rasek sekonda qabel ma l-għadira tkun intfiet, allura taf tikwi s-saqaf ta' ħalqek – jew kif tgħidlu Livia, il cielo dela boca. U kulħadd qed jixrob dawn ix-xarbiet li ma jiswew xejn għax huma żgħar u l-post mhux tas-sinjuri. Kulħadd ħlief raġel qargħi b'daqna ta' ftit jiem imserraħ mal-kantuniera tal-bar tal-injam li qed iħares lejn Livia u jimmeravilja ruħu kif kull darba toħroġ b'kuluri ġodda, b'togħmiet ġodda, bi spettaklu ġdid. Imma kif jista’ jkun tiftakarhom kollha? Kif ma tħawwadx? Kif qatt ma twaqqa’ ftit barra jew jiżloqilha flixkun minn idejha? Kif il-kuluri dejjem jispiċċaw jaqblu ma’ xulxin? U kif ix-xarbiet dejjem jiġuha tajbin?

U kif tlesti kapulavur ċkejken, il-qargħi ta’ mal-bar jibda ċ-ċapċipa li malajr tinfirex sa ħdejn it-tojlit fil-kantuniera ta’ ġewwa u x’ħin iċ-ċapċipa tkun fl-aqwa tagħha jpoġġi l-mistħija għal ftit fil-bwiet tal-jeans – li darba kien blu – u jgħajjat b’vuċi maħnuqa: “Brava, Livia!” U Livia issa dratu. Taf li mhux se ddur fuqu biex tistaqsih iridx xarba huwa wkoll. Tiegħu jordnaha mingħand il-ġuvnott li jiġbor, jaħsel u jwaqqa’ t-tazzi. Kafè iswed.

U quddiem il-bar ta’ Livia issa qed tibni funtana ċkejkna biex issebbaħ dik id-daqsxejn ta’ fetħa fit-triq. U f’nofs il-funtana qed tpoġġi statwa ta’ tifla b’għajnejha kbar, liebsa kowt tal-fur bi bwiet ċkejknin li fihom qed taħbi l-pali ta’ idejha. U l-ilma tal-funtana ħiereġ mill-ħames buttuni tal-kowt u nieżel fi plattina ġganteska. U meta jinfetaħ il-bieb tal-bar ta’ Livia, it-tifla b’għajnejha kbar tismal-istorbju ta’ ġewwa u tilqa’ s-sħana li tiżgiċċalhom ’il barra.

U minn fuq il-plattina qed tarahom jixorbu x-xarbiet ċkejknin. Ġieli jixorbu xarba u dritt wara jdaħħlu f’ħalqhom kuċċarina b’xi xarba oħra fiha. Qishom qed jieħdu l-mistura. U ħafna drabi jkun hemm min iqarras wiċċu sakemm f’daqqa jinbidel kollox u minn tiġbida ta’ diżgust ix-xufftejn jerġgħu jingħaqdu fi tbissima. Imbagħad daħka u kulħadd jinfexx iċapċap. U r-raġel il-qargħi jgħajjat, “Brava, Livia!”

Tħobbu wisq lir-raġel il-qargħi. Imma meta jintebaħ li sarlu l-ħin u jitfa’ f’rasu l-beritta l-griża kkaxxjata u jdawwar ix-xalla madwar għonqu u joħroġ, tara f’għajnejh in-niket ta’ ġimgħa miġbur. Tibqa’ tħares lejh sakemm jimxi t-triq kollha. Imbagħad jikser fuq il-lemin. Jgħaddi minn pjazza daqs nitfa b’torri kbir f’nofsha – li minn fuqu tista’ tara s-soqfa kollha tad-djar tal-belt – u jidħol fi triq dejqa li fit-tarf tagħha hemm blokk bini kbir, kollu appartamenti żgħar. U jibqa’ tiela’ fuq. Jiftaħ il-bieb. U waqt li jinża l-kowt u x-xalla u jpoġġihom fuq is-siġġu ta’ ħdejn it-telefon fil-kuritur, jiftaħ il-bieb tal-kamra tat-tifla, biex jara raqditx.

U bħas-soltu jsibha rieqda bid-dawl mixgħul. Ineħħilha bil-mod il-karta minn idha, b’nofs belt mibnija u bin-nofs l-ieħor ippjanat, ibusha fuq moħħha u jitfilha l-lamp shade r-roża.

 

© פרויקט הסיפור הקצר 2024

Made with ☕ and 🚬 by Oddity

חפשו:

מנת סיפורים שבועית לתיבה

הירשמו לניוזלטר שלנו

אופס, זה פיצ'ר של האזור האישי.
האזור האישי פתוח רק למשתמשים רשומים. הירשמו בחינם עכשיו ותוכלו להנות מכל האפשרויות של האזור האישי!